Official
Journal L 080 , 23/03/2002 P. 0035 - 0039
Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/15/KE
tal-11 ta’ Marzu 2002
dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment Artikolu 71 u Artikolu 137(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],
B’segwiment tal-konsultazzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita f’Artikolu 251 tat-Trattat [3], u fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat tal-Konċiljazzjoni nhar is-16 ta’ Jannar 2002,
Billi:
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 ta’ l-20 ta’ Diċemrbu 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li tirrigwardja t-trasport fit-toroq [4] li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ għas-sewwieqa; dak ir-Regolament ma jkoprix l-aspetti l-oħra tal-ħin tax-xogħol tat-trasport fit-toroq.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993 li tikkonċerna ċerti aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol [5] tagħmilha possibbli li tadotta ħtiġijiet aktar speċifiċi għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Billi tkun imfakkra n-natura settorjali ta’ din id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet tagħha jieħdu preċedenza fuq id-Direttiva 93/104/KE permezz ta’ Artikolu 14 tagħha.
(3) Minkejja n-negozjati intensivi bejn is-sieħba soċjali, ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim dwar is-suġġett ta’ ħaddiema mobbli tat-trasport fit-toroq.
(4) Huwa għalhekk meħtieġ li jkunu stabbiliti serje ta’ dispożizzjonijiet aktar speċifiċi li jikkonċernaw is-sigħat tax-xogħol tat-trasport fit-toroq intiżi biex jassiguraw is-sigurtà tat-trasport u s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni involuti.
(5) La darba l-objettivi ta’ l-azzjoni proposta ma jistgħux ikunu suffiċjentement milħuqa mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni proposta, ikunu akkwistati aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, bi qbil mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit f’Artikolu 5 tat-Trattat. Bi qbil mal-prinċipji ta’ proporzjonalità, kif stabbilita f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex ikunu milħuqa dawk l-objettivi.
(6) L-iskop ta’ din id-Direttiva jkopri biss ħaddiema mobbli impjegati minn impriżi tat-trasport stabbiliti fi Stat Membru li jipparteċipa fl-attivitajiet tat-trasport mobbli fit-toroq li huma koperti bir-Regolament (KEE) Nru 3820/85 jew, f’nuqqas ta’ dak, mill-ftehim Ewropew li jikkonċerna x-xogħol ta’ ekwipaġġi ta’ vetturi ingaġġati fit-trasport internazzjonali fit-toroq (AETR).
(7) Għandu jkun magħmul ċar li dawk il-ħaddiema mobbli esklużi mill-iskop ta’ din id-Direttiva, apparti minn dawk is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom, jibbenefikaw mill-protezzjoni bażika kif hemm provvediment dwarha fid-Direttiva 93/104/KE. Dik il-protezzjoni bażika tinkludi r-regoli eżistenti dwar serħan adegwat, il-medja ta’ siegħat massimi f’ġimgħa ta’ xogħol, il-btajjel annwali u ċerti dispożizzjonijiet bażiċi għal ħaddiema matul il-lejl, inkluż l-assessjar tas-saħħa.
(8) Billi s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom huma inklużi fl-iskop tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 imma esklużi minn dak tad-Direttiva 93/104/KE, dawn għandhom ikunu esklużi fuq bażi temporanja mill-iskop ta’ din id-Direttiva bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 2(1).
(9) Id-definizzjonijiet użati f’din id-Direttiva m’għandhomx jikkostitwixxu preċedent għal regolamenti oħra tal-Komunità dwar il-ħin tax-xogħol.
(10) Sabiex titjieb is-sigurtà tat-toroq, ikun ipprevenut it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u tiggarantixxi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema mobbli koperti b’din id-Direttiva, dawn ta’ l-aħħar għandhom ikunu jafu eżattament liema perjodi huma ddedikati għall-attivitajiet tat-trasport fit-toroq li jikkostitwixxu l-ħin tax-xogħol u li mhumiex u għalhekk huma meqjusa li huma ħinijiet ta’ waqfien, ħinijiet ta’ serħan jew perjodi ta’ disponibbiltà. Dawn il-ħaddiema għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum u ta’ kull ġimgha, u waqfiet adekwati. Huwa wkoll meħtieġ li jitqiegħed limitu massimu fuq in-numru ta’ sigħat tax-xogħol matul kull ġimgha.
(11) Ir-riċerka kienet uriet li l-ġisem uman huwa aktar sensittiv matul il-lejl għal disturbi ambjentali u wkoll għal ċerti tipi tqal ta’ organizzazzjoni u li perjodi twal ta’ xogħol matul il-lejl jistgħu jkunu ta’ detriment għas-saħħa ta’ ħaddiema u jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tagħhom u wkoll is-sigurtà ġenerali tat-toroq.
(12) Bħala konsegwenza, hemm ħtieġa biex ikunu llimitat t-tul tal-perjodi ta’ xogħol matul il-lejl u biex ikun hemm provediment li sewwieqa professjonali li jaħdmu matul il-lejl għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-attività tagħhom u li m’għandhomx ikunu żvantaġġati f’dak li jirrigwarda l-opportunitajiet ta’ taħriġ.
(13) Dawk li jimpjegaw għandhom iżommu dettalji ta’ waqtiet meta l-medja massima tal-ġimgħa tax-xogħol kif applikabbli għal-ħaddiema mobbli tkun misbuqa.
(14) Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 dwar il-ħin tas-sewqan fit-trasport internazzjonali u nazzjonali ta’ pasiġġieri, apparti milli s-servizzi regolari, għandhom jibqgħu applikabbli.
(15) Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-iżviluppi f’dan il-qasam fl-Istati Membri u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tar-regoli u l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet dwar ix-xogħol matul il-lejl.
(16) Huwa meħtieġ li jkun hemm provvediment li ċerti dispożizzjonijiet jistgħu jkunu suġġetti għal derogi adottati, skond iċ-ċirkostanzi, mill-Istati Membri jew miż-żewġ naħat ta’ l-industrija. Bħala regola ġenerali, fil-każ ta’ deroga, il-ħaddiema kkonċernati għandhom jingħataw perjodi kompensatorji ta’ mistrieħ,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Għan
L-għan ta’ din id-Direttiva għandu jkun li jistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi b’relazzjoni ma’ l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol sabiex tittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà ta’ persuni li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq u biex tittejjeb is-sigurtà tat-triq u biex jitqabblu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni.
Artikolu 2
Firxa
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal-ħaddiema mobbli impjegati minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru, li jipparteċipaw fl-attivitajiet tat-trasport fit-toroq koperti bir-Regolament (KEE) Nru 3820/85 jew, f’nuqqas ta’ dak, bil-ftehim AETR.
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu segwenti, din id-Direttiva għandha tapplika għal sewwieqa li jaħdmu għal rashom mit-23 ta’ Marzu 2009.
Mhux aktar tard minn sentejn qabel din id-data, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport għandu janalizza l-konsegwenzi ta’ l-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mill-iskop ta’ din id-Direttiva fir-rigward tas-sigurtà fit-toroq, il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni, l-istruttura tal-professjoni kif ukoll l-aspetti soċjali. Iċ-ċirkostanzi f’ kull Stat Membru li jirrigwardaw l-istruttura ta’ l-industrija tat-trasport u l-ambjent tax-xogħol tal-professjoni tat-trasport fit-toroq għandhom ikunu meqjusa. Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta, li l-għan tagħha jista jkun, skond kif xieraq, jew:
- li jelenka l-modalitajiet għall-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fi ħdan l-iskop tad-Direttiva fir-rigward ta’ ċerti sewwieqa li jaħdmu għal rashom li ma jipparteċipawx fl-attivitajiet tat-trasport fit-toroq fl-Istati Membri l-oħrajn u li huma suġġetti għal-limitazzjonijiet lokali għal raġunijiet objettivi, bħalma huma lokalitajiet periferiċi, distanzi twal interni u partikolarment l-ambjent kompetittiv, jew
- li ma jkunux inklużi s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fl-iskop ta’ din id-Direttiva.
2. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104/KE għandhom ikunu applikabbli għall-ħaddiema mobbli esklużi mill-iskop ta’ din id-Direttiva.
3. Sal-limiti li din id-Direttiva jkun fiha dispożizzjonijiet aktar speċifiċi f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema mobbli li jwettqu attivitajiet ta’ trasport fit-toroq, għandha, permezz ta’ Artikolu 14 tad-Direttiva 93/104KE, tieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dik id-Direttiva.
4. Din id-Direttiva għandha tissupplimenta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 u, meta meħtieġ, tal-Ftehim AETR, li jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
(a) "ħin tax-xogħol" għandu jfisser:
1. fil-każ ta’ ħaddiema mobbli: il-ħin mill-bidu sat-tmiem tax-xogħol, li matulu l-ħaddiem mobbli jkun fil-post tax-xogħol tiegħu, għad-dispożizzjoni ta’ min jimpjegah u jeżerċita l-funzjonijiet jew l-attivitajiet tiegħu, jiġifieri:
- il-ħin iddedikat għall-attivitajiet kollha tat-trasport fit-toroq. Dawn l-attivitajiet huma, partikolarment, dawn li ġejjin:
(i) sewqan;
(ii) it-tagħbija u l-ħatt;
(iii) l-għajnuna lill-passiġġieri biex jitilgħu u jinżlu minn fuq il-vettura;
(iv) it-tindif u l-manteniment tekniku;
(v) ix-xogħol l-ieħor kollu intiż biex jassigura s-sigurtà tal-vettura, it-tagħbija u l-pasiġġieri tagħha jew biex jitwettqu l-obbligazzjonijiet legali jew regolatorji direttament marbuta ma’ l-operazzjoni speċifika tat-trasport li tkun isseħħ, inkluż il-monitoraġġ tat-tagħbija u l-ħatt, il-formalitajiet amministrattivi mal-pulizija, id-dwana, l-uffiċjali ta’ l-immigrazzjoni, eċċ.,
- il-ħinijiet li matulhom hu ma jkunx jista’ jiddisponi b’libertà mill-ħin tiegħu u jkun meħtieġ li jkun preżenti fil-post tax-xogħol tiegħu, lest biex jibda bix-xogħol normali, b’ċerti doveri assoċjati billi jkun fuq ix-xogħol, partikolarment matul perjodi ta’ stennija għat-tagħbija u l-ħatt meta t-tul ta’ żmien għal dawn ma jistgħax ikun previst bil-quddiem, jiġifieri jew qabel it-tluq jew immedjatament qabel il-bidu attwali tal-perjodu f’dak il-każ, permezz tal-kondizzjonijiet ġenerali negozzjati bejn is-sieħba soċjali u/jew permezz tat-termini tal-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri;
2. fil-każ ta’ sewwieqa li jaħdmu għal rashom, l-istess definizzjoni għandha tkun tapplika wkoll għall-ħin mill-bidu sat-tmiem tax-xogħol, li matulu is-sewwieq li jaħdem għal rasu jkun fil-post tax-xogħol tiegħu, għad-dispożizzjoni tal-klijent u jeżerċita l-funzjonijiet jew l-attivitajiet tiegħu apparti minn xogħol amministrattiv ġenerali li ma jkunx marbut direttament ma’ l-operazzjoni speċifika tat-trasport li tkun isseħħ.
Il-ħinijiet tal-waqfien li hemm referenza dwarhom f’Artikolu 5, il-ħinijiet ta’ serħan li hemm referenza dwarhom f’Artikolu 6 u, mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri jew tal-ftehim bejn is-sieħba soċjali li jipprovdu għal perjodi bħal dawn għandhom ikunu kkompensati jew illimitati, il-perjodi ta’ disponibbiltà li hemm referenza dwarhom f’ (b) ta’ dan l-Artikolu, għandhom ikunu esklużi mill-ħin tax-xogħol;
(b) "perjodi ta’ disponibbiltà" għandhom ifissru:
- perjodi apparti minn dawk li jirrigwardaw il-ħinijiet ta’ waqfien u l-ħinijiet ta’ serħan li matulhom il-ħaddiem mobbli ma jkunx meħtieġ li jibqa’ fil-post tax-xogħol tiegħu, imma li jrid ikun disponibbli biex iwieġeb għal xi sejħa biex jibda jew ikompli bis-sewqan jew li jwettaq xi xogħol ieħor. Partikolarment perjodi bħal dawn ta’ disponibbiltà għandhom jinkludu perjodi li matulhom il-ħaddiem mobbli jkun jakkumpanja vettura li tkun qiegħda tiġi ttrasportata minn xi vapur jew ferrovija kif ukoll il-perjodi ta’ stennija fil-fruntieri u dawk minħabba l-projbizzjonijiet tat-traffiku.
Dawn il-perjodi u t-tul previst tagħhom għandhom ikunu magħrufa bil-quddiem mill-ħaddiem mobbli, jiġifieri jew qabel it-tluq jew inkella immedjetament qabel il-bidu attwali tal-perjodu f’dak il-każ, jew permezz tal-kondizzjonijiet ġenerali nnegozjati mis-sieħba soċjali u/jew permezz tat-termini tal-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri,
- għal ħaddiema mobbli li jsuqu f’ team, il-ħin mgħoddi bil-qiegħda ma ġenb is-sewwieq jew fil-couchette waqt li l-vettura tkun miexja;
(ċ) "il-post tax-xogħol" għandu jfisser:
- il-lokalità tal-post ewlieni tan-negozju ta’ l-impriża li għaliha l-persuni li jwettqu l-attivitajiet mobbli tagħhom ta’ trasport fit-toroq iwettqu d-doveri tagħhom, flimkien mal-postijiet sussidjarji varji tan-negozju independentement minn jekk dawn ikunux illokalizzati fl-istess post bħall-uffiċju ewlieni jew tal-post ewlieni tan-negozju,
- il-vettura li l-persuna li jwettaq l-attivitajiet mobbli tat-trasport fit-triq ikun juża meta jwettaq id-doveri tiegħu, u
- xi post ieħor li fih l-attivitajiet konnessi mat-trasport ikunu mwettqa;
(d) "ħaddiem mobbli" għandu jfisser kwalunkwe ħaddiem li jifforma parti minn persunal vjaġġanti, inklużi dawk waqt it-taħriġ u l-apprentisti, li jkunu fis-servizz ta’ impriża li topera servizzi tat-trasport għall-passiġġieri jew għall-merkanzija bit-triq għal kiri jew għall-qligħ jew għall-akkont tiegħu;
(e) "sewwieq li jaħdem għal rasu" għandu jfisser kwalunkwe bniedem li l-okkupazzjoni ewlenija tiegħu hija li jittrasporta passiġġieri jew merkanzija fir-toroq għall-kiri jew għall-qligħ fil-qofol tat-tifsira tal-leġislazzjoni tal-Komunità permezz tal-koperta ta’ liċenzja tal-Komunità jew ta’ xi awtorizzazzjoni professjonali oħra biex iwettaq it-trasport imsemmi qabel, li huwa intitolat li jaħdem għal rasu u li mhux marbut ma’ xi ħadd li jimpjegah b’kuntratt ta’ impieg jew b’xi tip ieħor ta’ relazzjoni b’ġerarkija tax-xogħol, li huwa liberu li jorganizza l-attivitajiet relevanti tax-xogħol, li l-introjtu tiegħu jiddependi direttament mill-profitti magħmula u li għandu l-libertà li, individwalment jew permezz ta’ kooperazzjoni bejn sewwieqa li jaħdmu għal rashom, ikollu relazzjonijiet kummerċjali ma diversi klijenti.
Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, dawk is-sewwieqa li ma jissodisfawx dawn il-kriterji għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jibbenefikaw mill-istess drittijiet bħal dawk li hemm provvediment dwarhom għall-ħaddiema mobbli b’din id-Direttiva;
(f) "persuna li twettaq attivitajiet mobbli tat-trasport fit-triq" għandha tfisser kwalunkwe ħaddiem mobbli jew xufier li jaħdem għal rasu li jwettaq attivitajiet bħal dawn;
(ġ) "ġimgħa" għandha tfisser il-perjodu bejn is-siegħa 00.00 ta’ nhar tat-Tnejn u s-siegħa 24.00 ta’ nhar ta’ Ħadd;
(ħ) "ħin ta’ bil-lejl" għandu jfisser il-perjodu ta’ mill-anqas erba’ siegħat, kif definit bil-liġi nazzjonali, bejn is-siegħa 00.00 u s-siegħa 07.00;
(i) "xogħol ta’ bil-lejl" għandu jfisser kwalunkwe xogħol imwettaq matul il-ħin tal-lejl.
Artikolu 4
Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:
(a) il-medja tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa ma jeċċedix it-48 siegħa. Il-ħin massimu tax-xogħol ta’ kull ġimgħa jista’ jkun estiż għal 60 siegħa biss jekk, matul erba xhur, medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa ma jinqabżux. Ir-raba’ u l-ħames subparagrafi ta’ Artikolu 6(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 jew, fejn meħtieġ, ir-raba subparagrafu ta’ Artikolu 6(1) tal-Ftehim AETR għandhom jieħdu preċedenza fuq din id-Direttiva, sal-limitu li x-xufiera kkonċernati ma jeċċedux il-medja tal-ħin tax-xogħol ta’ 48 siegħa kull ġimgha matul erba’ xhur;
(b) il-ħin tax-xogħol għal diversi employers huwa s-somma tas-siegħat tax-xogħol. Min jimpjega għandu jitlob lill-ħaddiem mobbli konċernat akkont bil-miktub tal-ħin maħdun għal xi employers ieħor. Il-ħaddiem mobbli għandu jipprovdi din l-informazzjoni bil-miktub.
Artikolu 5
Waqfien
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li, mingħajr preġudizzju għal-livell ta’ protezzjoni pprovdut bir-Regolament (KEE) Nru 3820/85 jew, f’nuqqas ta’ dak, bil-Ftehim AETR, persuni li jwettqu attivitajiet mobbli ta’ trasport fit-triq, mingħajr preġudizzju għal Artikolu 2(1), fl-ebda ċirkostanzi ma jeċċedu aktar minn sitt sigħat konsekuttivi mingħajr waqfien. Il-ħin tax-xogħol għandu jkun interrott b’waqfien ta’ mill-anqas 10 minuti, jekk is-sigħat totali tax-xogħol ikunu bejn sitta u disa’ sigħat, u mill-anqas 45 minuta, jekk is-sigħat totali tax-xogħol ikunu aktar minn disa sigħat.
2. Il-waqfien jista’ jkun sud-diviż f’perjodi ta’ mill-anqas 15 il-minuta l-wieħed.
Artikolu 6
Perjodi ta’ serħan
Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, apprentisti u dawk li jkunu qegħdin jitħarrgu għandhom ikunu koperti bl-istess dispożizzjonijiet dwar il-ħin tas-serħan bħall-ħaddiema mobbli l-oħra permezz tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 jew, f’nuqqas ta’ dak, bil-Ftehim AETR.
Artikolu 7
Xogħol ta’ bil-lejl
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:
- jekk xogħol ta’ bil-lejl ikun imwettaq, il-ħin totali ta’ kull jum ma jeċċedix għaxar sigħat f’kull perjodu ta’ 24 siegħa,
- kumpens għal xogħol bil-lejl jingħata bi qbil mal-miżuri leġislattivi nazzjonali, ftehim kollettiv, ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija u/jew il-prattika nazzjonali, bil-kundizzjoni li kumpens ta’ dan it-tip ma jkunx possibbli li jipperikola s-sigurtà tat-triq.
2. Sat-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni għandha, fil-qafas tar-rapport li hija tħejji bi qbil ma’ Artikolu 13(2), tevalwa l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq. Il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, tissottometti proposti xierqa flimkien ma dak ir-rapport.
3. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti għal Direttiva li jkun fiha dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-taħriġ ta’ xufiera professjonali, inklużi dawk li jwettqu xogħol ta’ matul il-lejl, u li tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għal taħriġ bħal dan.
Artikolu 8
Derogi
1. Derogi minn Artikoli 4 u 7 jistgħu, għal raġunijiet objettivi u tekniċi jew għal raġunijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol, ikunu adottati permezz ta’ ftehim kollettiv, ftehim bejn is-sieħba soċjali, u jekk dan ma jkunx possibbli, b’liġijiet, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi basta li jkun hemm konsultazzjoni mar-rappreżentanti ta’ min iħaddem u l-ħaddiema kkonċernati u li jsiru sforzi biex jinkoraġixxu l-forom kollha ta’ djalogu soċjali.
2. Ix-xelta għal deroga minn Artikolu 4 ma tistax tirriżulta fl-istabbiliment ta’ perjodu ta’ referenza li jeċċedi sitt xhur, għall-kalkolazzjoni tal-medja massima tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa ta’ tmienja u erbgħin siegħa.
Artikolu 9
Informazzjoni u reġistrazzjoni tal-fatti
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:
(a) ħaddiema mobbli jkunu infurmati bil-ħtiġijiet relevanti, nazzjonali, ir-regoli interni ta’ l-impriża u l-ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija, partikolarment ftehim kollettiv u xi ftehim tal-kumpannija, milħuqa fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE ta’ l-14 ta’ Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjonijiet ta’ min iħaddem biex jinforma lill-impjegati bil-kondizzjonijiet applikabli għal kuntratt jew għar-relazzjonijiet ta’ l-impieg [6];
(b) mingħajr preġudizzju għal Artikolu 2(1), il-ħinijiet tax-xogħol għal persuni li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport bit-triq ikunu reġistrati. Ir-records għandhom jinżammu mill-anqas għal sentejn wara t-tmiem tal-perjodu kopert. Dawk li jimpjegaw għandhom ikunu responsabbli li jżommu dettalji tal-ħin maħdum minn ħaddiema mobbli. Dawk li jimpjegaw għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-ħaddiema mobbli b’kopji tad-dettalji tas-sigħat maħduma.
Artikolu 10
Dispożizzjonijiet l-aktar favorevoli
Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew li jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-triq, jew tad-dritt tagħhom li jiffaċilitaw jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema mobbli. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandhiex tikkostitwixxi bażi valida għal tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema li jirreferi għalihom Artikolu 2(1).
Artikolu 11
Penalitajiet
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ penalitajiet għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li dawn il-penalitajiet ikunu applikati. Il-penalitajiet li ikun hemm provvediment dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.
Artikolu 12
Negozjati ma’ pajjiżi terzi
La darba din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tibda negozjati mal-pajjiżi terzi relevanti bl-għan li jiġu applikati regoli ekwivalenti għal dawk stabbiliti b’din id-Direttiva dwar ħaddiema mobbli impjegati minn impriżi stabbiliti f’pajjiż terz.
Artikolu 13
Rapporti
1. L-Istati Membri għandhom jirraportaw lejn il-Kummissjoni ta’ kull sentejn dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jindikaw il-veduti taż-żewġ naħat ta’ l-industrija. Ir-rapport għandu jasal għand il-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru li jsegwi d-data li fiha l-perjodu ta’ sentejn kopert bir-rapport ikun skada. Il-perjodu ta’ sentejn għandu jkun l-istess bħal dak li hemm referenza dwaru f’Artikolu 16(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85.
2. Il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport ta’ kull sentejn dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri u l-iżviluppi fil-qasam f’dan il-każ. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
Artikolu 14
Dispożizzjonijiet Finali
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat-23 ta’ Marzu 2005 jew għandhom jassiguraw li ż-żewġ naħat ta’ l-industrija jkunu stabbilew il-miżuri meħtieġa permezz ta’ ftehim, l-Istati Membri jkunu obbligati li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva fi kwalunkwe waqt.
Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri li hemm referenza dwarhom fl-ewwel subparagrafu, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jkunu adottaw jew li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li l-konsenjaturi, dawk li jieħdu ħsieb il-merkanzija, kuntratturi ewlenija, sub-kuntratturi u impriżi li jimpjegaw ħaddiema mobbli jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet relevanti ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Artikolu 16
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussel, fil-11 ta’ Marzu 2002.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
P. Cox
Għall-Kunsill
Il-President
J. Piqué I Camps
[1] ĠU Ċ 43, tas- 17.2.1999, p. 4.
[2] ĠU Ċ 138, tat- 18.5.1999, p. 33.
[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ April 1999 (ĠU Ċ 219, tat- 30.7.1999, p. 235), kif ikkonfermata nhar is-6 ta’ Mejju 1999 (ĠU Ċ 279, ta’ l- 1.10.1999, p.55), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 2001 (ĠU Ċ 142, tal- 15.5.2001, p. 24) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Ġunju 2001 (għadha mhix iubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Frar 2003 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2002.
[4] ĠU L 370, tal-31.12.1985, p. 1.
[5] ĠU L 307, tat-13.12.1993, p. 18. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 195, ta’ l-1.8.2000, p. 41).
[6] ĠU L 288, tat-18.10.1991, p. 32.
--------------------------------------------------